Se jirrappreżentaw lil Malta f’konkorsi ta’ sbuħija

Ritratti: SnapArt by Benjamin Sant

Ix-xahar id-dieħel Malta se tkun rappreżentata minn tlett tfajliet f’konkorsi internazzjonali ta’ sbuħija.

Teresa Ruglio (23 sena) imwielda l-Veneżwela iżda tgħix f’tas-Sliema, se tikkompeti f’Miss Universe li se jittella’ ġewwa Atlanta, Georgia fl-Amerka fit-8 ta’ Diċembru. Hija se tikkompeti ma’ 100 pajjiż ieħor. Teresa rebħet il-konkors Miss Universe Malta minn fost 25 kontestanta f’Lujlu li għadda waqt konkors li xxandar b’mod dirett fuq TVM.

Miss Universe Malta hija immexxija minn Alan J. Darmanin u Jeff Francalanza, diretturi tal-kumpanija Glow Promotions.

Ritratti: SnapArt by Benjamin Sant

Nicole Vella (20 sena) toqgħod ir-Rabat. Hija se tikkompeti f’Miss World li se jittella’ ġewwa l-Ingilterra fl-14 ta’ Diċembru. Vella se tkun qiegħda tikkompeti ma’ 120 pajjiż ieħor. Waqt il-konkors Miss World, Nicole se tkun qiegħda tikkompeti f’oqsma differenti fosthom is-sezzjonijiet tat-talent, sport u moda. Nicole rebħet it-titlu ta’ Miss World Malta f’Ġunju li għadda waqt serata b’xandira diretta fuq it-TV fejn ikkompetiet ma’ 24 kontestanta oħra.

Miss World Malta hija mmexxija minn Sue Rossi u Claudia Calleja taħt Modelle International.

Ritratti: SnapArt by Benjamin Sant

Rebecca Pace (22 sena) toqgħod Birżebbuġa. Hi se tikkompeti f’Miss Supranational li se jittella’ fil-Polonja fis-6 ta’ Diċembru. Pace se tikkompeti ma’ 80 pajjiż ieħor. Rebecca, li hija studenta fl-Università ta’ Malta, rebħet it-titlu ta’ Miss Supranational Malta minn fost 25 kontestanta waqt serata li ttellgħet f’Ottubru li għadda.

Miss Supranational Malta hija organizzata minn Lorraine Sultana u Jean Zammit minn Vogue Model Management.