Jipproponu lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li Therese Comodini Cachia ġiet magħżula mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex tieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Din il-ġimgħa Delia ġie sfiduċjat minn 19-il Membru Parlamentari tal-PN waqt vot sigriet f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà. 11-il MP urew fiduċja fih. Il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia tressqet minn Chris Said u ġiet sekondata minn Comodini Cachia nnifisha.

F’dawn il-ħinijiet, il-Membri Parlamentari Chris Said u Claudette Buttigieg se jmorru għand il-President fil-Palazz ta’ San Anton biex jiskattaw il-proċess għal Kap tal-Oppożizzjoni ġdid, billi jinnominaw lil Comodini Cachia għal din il-kariga minflok Delia.

Wara l-laqgħa ta’ Said u Buttigieg mal-President George Vella, il-President mistenni jibda jiltaqa’ mal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti. Newsbook.com.mt huwa infurmat li qed issir pressjoni biex l-MPs tal-PN jiltaqgħu mal-President b’mod individwali biex iħossuhom liberi jesprimu lilhom infushom, minkejja li mhux kollha ħadu l-istess pożizzjoni.

It-tmexxija tal-partit minn Adrian Delia li ilha tiġi diskussa, fl-aħħar jiem kompliet tiġi kompromessa minn storja żvelata fuq The Sunday Times of Malta, li Adrian Delia kellu chats privati fuq Whatsapp ma’ Yorgen Fenech li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.