Se jintilfu l-parkeġġi biex jibbenefika stabbiliment kummerċjali – Kunsill San Ġiljan

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan qal li jinsab diżappuntat b’deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet li se twassal biex jintilfu l-parkeġġi fi Triq il-Kbira biex jibbenefika stabbiliment kummerċjali.

Permezz ta’ stqarrija ffirmata mis-Segretarju Eżekuttiv Paul Spiteri, il-Kunsill sostna li “ċertu awtoritajiet biddlu d-deċiżjoni tagħhom meħuda qabel sabiex ma jingħatax permess għal pjattaforma bħala konċessjoni fi Triq il-Kbira”. Il-Kunsill sostna li din kienet waħda mill-aħħar ftit żoni fejn l-iżvilupp kien qed ikun kontrollat.

Il-Kunsill qal li din id-deċiżjoni meħuda f’żona residenzjali se tkun suġġett għall-esplojtazzjoni kummerċjali meta l-awtoritajiet setgħu jevitaw dan. Qal li din il-pjattaforma se toħloq imblukkar fit-traffiku f’post fejn l-aċċess għat-traffiku huwa limitat.

Il-Kunsill, f’isem ir-residenti u bl-appoġġ tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, appella lill-awtoritajiet konċernati biex jirtiraw dan il-permess u jirrispettaw id-dritt tar-residenti.