Se jintbagħtu Malta dokumenti ġodda tal-Panama Papers; il-PN jitlob inkjesta

Il-gazzetta Ġermaniża Sueddeutsche Zeitung żvelat li se jintbagħtu Malta dokumenti ġodda tal-kumpanija Mossack Fonseca, li jixhdu l-involviment ta’ Malta fl-iskandlu tal-Panama Papers. 
Skont il-gazzetta, id-dokumenti se jintbagħtu lill-pajjiż malli l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali fil-Ġermanja jlestu mill-investigazzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal fi stqarrija li dokumenti daqstant importanti għandhom jiġu investigati bir-reqqa, u għalhekk sejjaħ għal inkjesta indipendenti tal-istess dokumenti kif dawn jaslu fil-pajjiż. 
Il-PN tenna l-isfiduċja tiegħu fil-Kummissarju tal-Pulizija, u għalhekk ippropona li titmexxa inkjesta minn persuni li jgawdu l-fiduċja tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni.
Il-PN talab tweġiba mingħand il-Gvern sal-lejla, minħabba li skontu nuqqas ta’ azzjoni immedjata min-naħa tal-Gvern tkun tfisser li mhijiex se sseħħ investigazzjoni serja, u li l-verità tal-iskandli mhi se toħroġ qatt. 
Iktar kmieni llum, grupp ta’ attivisti li jsejjaħ lilu nnifsu “Kenniesa tal-Kabinett” inġabru quddiem Kastilja biex ifakkru liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ma jinsiex jiltaqa’ mad-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li ġejja Malta biex tinvestiga jekk il-liġijiet humiex jitħarsu.