Se jinħarġu żewġ films ta’ Keanu Reeves fl-istess jum

Fl-2021 l-attur Keanu Reeves se jkun qed jikkompeti miegħu nnifsu fil-box office taċ-ċinema hekk kif għadu kif tħabbar li fl-istess jum se jkunu qed jinħarġu żewġ films li għandhom bħala protagonist lil dan l-attur.

Dan għaliex il-film tal-Warner Bros Matrix 4 se jinħareġ fil-21 ta’ Mejju, l-istess ġurnata li Lionsgate se tkun qed toħroġ il-film John Wick 4.

Mejju ta’ sentejn oħra hu mistenni li jkun wieħed mill-aktar b’saħħtu fid-dinja taċ-ċinema hekk kif ftit qabel, fis-7 ta’ Mejju mistenni joħroġ Doctor Strange tal-Marvel filwaqt li fil-14 ta’ Mejju l-Univerval se tkun qed tniedi l-film animat Spirit Riding Free.

U jekk dan mhux biżżejjed lejn l-aħħar tax-xahar, fit-28 ta’ Mejju tal-2021 il-kumpanija Disney se tkun qed toħroġ il-film Cruella b’Emma Stone fil-parti ewlenija.

Bla dubju ta’ xejn se tkun ġlieda qalila biex dawn il-kumpaniji tal-films jimpressjonaw u jiġbdu l-akbar ammont ta’ udjenzi biex ikollhom dħul tajjeb fil-box office.