Se jinħadem is-sequel ta’ The Passion of the Christ

Mel Gibson jidderieġi lil Jim Caviziel fil-film The Passion of the Christ tal-2004

Mel Gibson u Jim Caviezel huma mistennija li jerġgħu jingħaqdu flimkien biex jaħdmu s-sequel tal-film The Passion of the Christ li kien inħareġ b’suċċess kbir fl-2004.

The Passion of the Christ: Resurrection hu film li jinsab fil-bidu tal-proċess tan-negozjati bejn id-direttur u l-attur li ħadem il-parti ta’ Ġesu Kristu fl-ewwel film, u jingħad li t-trattativi għaddejjin ġmielhom, b’Gibson determinat li jerġa’ jwassal blockbuster ta’ suċċess bħal ma kien l-ewwel wieħed.

Il-poster tal-film blockbuster tal-2004

L-ewwel film kellu budget ta’ $30 miljun u daħħal $611 miljun minn madwar id-dinja. Il-film wassal l-aħħar 12-il siegħa ta’ Ġesu Kristu, u x-xena tal-passjoni kienet waħda li jingħad li kienet waħda mill-aktar b’saħħithom u reali li qatt inħadmu fuq film taċ-ċinema.

Skont l-aħħar rapporti, Gibson ilu għaddej fuq il-loġistika ta’ dan il-film għal dawn l-aħħar tlett snin.

Jim Caviezel ġie rrapurtat li qal li The Passion of the Christ: Resurrection se jkun l-ikbar film li qatt inħadm fl-istorja taċ-ċinema.

Dwar kif se tiżvolġi l-ġrajja, The Passion of the Christ: Resurrection se jiffoka fuq x’ġara fl-40 jum ta’ wara li Kristu rxoxta mill-mewt, b’enfażi partikolari fuq kif dak kollu li ġara effettwa n-nies li għexu qrib Ġesu Kristu.

S’issa ma hemmx data fissa meta se jibda l-ġbid ta’ dan il-film, jew inkella meta Gibson qed jippjana li jwassal il-film fiċ-ċinema iżda hu magħruf li minbarra ma’ Jim Caviezel, hu daħal ukoll ukoll fi trattativi ma’ xi atturi mill-ewwel film bħala Maia Morgenstern biex terġa’ tinterpreta lil Marija, omm Kristu; Christo Jivkov (li fl-ewwel film kien magħruf bħala Hristo Jivkov) biex jerġa’ jagħmilha ta’ Ġwanni u Francesco De Vito biex għal darb’oħra jinterpreta lil Pietru.