Se jingħataw iċ-ċittadinanza tfal ta’ koppji omosesswali permezz ta’ surrogacy jew IVF

Baby

Il-Gvern qed jipproponi numru ta’ emendi fl-att dwar iċ-ċittadinanza Maltija, biex fost l-oħrajn, tarbija barra ż-żwieġ tingħata ċ-ċittadinanza Maltija rrispettivament jekk ikollhomx lil omm jew il-missier Malti.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li sal-lum huma biss dawk it-tfal li jitwieldu barra ż-żwieġ li kellhom ommhom Maltija li kienu jingħataw iċ-ċittadinanza, issa tfal li jitwieldu mill-2005 ‘il quddiem barra ż-żwieġ minn missirijiet Maltin jingħataw iċ-ċittadinanza.

Bl-istess mod, tfal ta’ koppji omosesswali Maltin li twieldu permezz ta’ omm surrogata jew inkella bl-IVF se jingħataw iċ-ċittadinanza.

Huwa qal li klawsola li qatt ma ġiet infurzata li tgħid li persuna li tieħu ċittadinanza trid tinforma l-Ministru wara seba’ snin bl-intenzjoni li jżomm ċittadinanza Maltija. Muscat qal li fin-nuqqas ta’ dan, il-Ministru seta’ juża’ d-diskrezzjoni tiegħu u jirtira din iċ-ċittadinanza. Huwa qal li qatt ħadd ma bagħat ittri bl-intenzjonijiet tagħhom u daqstant ieħor qatt ma kien hemm Ministru li rtira ċ-ċittadinanza. Issa din il-klawsola ġiet emendata fis-sens li l-Ministru jista’ jżomm ċittadinanza fuq raġunijiet ta’ sigurtà.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clifton Grima qal li dawn l-emendi se jagħtu l-possibiltà lill-amministraturi sportivi jwessgħu l-pool ta’ sportivi u jingħataw ċittadinanza fuq mertu sportiv.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-PN jixtieq tibdil fil-liġijiet taċ-ċittadinanza ikunu jistgħu jsiru biss bl-approvazzjoni tal-Oppożizzjoni bħalma jiġri fil-liġi elettorali.