Nhar is-Sibt attent minn fejn tgħaddi!

Jekk nhar is-Sibt bejn id-9.30 pm u l-11.30pm kont se tgħaddi minn Santa Venera, il-Ħamrun jew il-Marsa, erġa’ aħsibha għax se jingħalqu bosta toroq arterjali minħabba l-wirja tan-nar tal-ajru għall-festa ta’ Santa Venera.
Minħabba f’hekk, nhar is-Sibt int mhux se tkun tista’ tgħaddi:
·         mill-Bypass tal-Imrieħel direzzjoni lejn il-Bypass tal-Marsa (minn fejn l-uffiċini tal-MFSA)
·         mill-Bypass tal-Marsa minn ma’ Triq Aldo Moro, il-Marsa (it-telgħa biswit is-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Pulizija). Hemm konsolazzjoni waħda li t-Triq Aldo Moro se tibqa’ aċċessibbli għat-traffiku.
·         mill-Bypass tal-Marsa, direzzjoni lejn il-mina ta’ Santa Venera u direzzjoni lejn il-Bypass tal-Imrieħel.
·         Minn Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera u parti minn Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.
·         Minn Triq il-Kanun, Santa Venera
Jekk kont, pereżempju, se tgħaddi mill-Bypass tal-Imrieħel, biex tmur lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta jew jekk ridt tmur sal-Ajruport, jaqbillek issib triq oħra, bħal Ħaż-Żebbug, fost l-oħrajn.
Il-Pulizija semmew ukoll dawn it-toroq bħala alternattiva għat-toroq li se jingħalqu:
Santa Venera: Triq Salvu Psaila, Triq il-Kappillan Mifsud u Triq Misraħ il-Barrieri, kif ukoll il-mini diretti lejn il-Bypass tal-Marsa
L-Imsida: Triq il-Wied ta’ Birkirkara
Birkirkara: Triq l-Imdina
Il-Marsa: Triq Aldo Moro u Triq Diċembru Tlettax
Il-weekend li għadda kien hemm għadd ta’ toroq oħra magħluqin minħabba l-festa tal-Imsida.