Se jingħalaq il-Monasteru tas-Sorijiet Klarissi f’Għawdex

sorijiet Klarissi Għawdex

Read in English.

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma ħabbar li l-Monasteru tal-Klarissi f’Għawdex se jagħlaq.

F’ittra li kiteb, l-Isqof t’Għawdex spjega li ftit wara li sar Isqof, ġie infurmat mis-sorijiet li huma jixtiequ li jingħaqdu flimkien f’monasteru wieħed f’Malta.

L-Isqof issokta jgħid li huma ħadu din id-deċiżjoni minħabba raġunijiet li ma kellhomx kontroll fuqhom. Stqarr li l-aħbar ħasditu, u talabhom jieħdu aktar żmien biex jitolbu u jagħmlu dixxerniment fuq il-kwistjoni. “Kienet deċiżjoni diffiċli mhux biss għalina, imma wkoll għalihom,” qal l-Isqof.

B’ton ta’ dispjaċir, huwa qal li għalhekk id-Djoċesi t’Għawdex se jkollha n-nuqqas ta’ komunità li tgħix ħajja kontemplattiva. Iddeskriva l-monasteru żgħir tagħhom ħdejn id-Dar ta’ Manresa fir-Rabat bħala “post ta’ serħan u faraġ spiritwali għal ħafna. Il-preżenza tagħhom fostna kienet sejħa għal relazzjoni aktar awtentika ma’ Alla u eżempju ta’ komunikazzjoni kontinwa tal-moħħ u tal-qalb mal-Mulej fit-talb.”

Għandha ssir quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu nhar il-Ħadd 24 ta’ Jannar fil-5pm sabiex jintradd ħajr lil Alla tal-kontribut ta’ dawn is-sorijiet lil Għawdex u anke sabiex id-Djoċesi Għawdxija ma titħalliex b’dan in-nuqqas. Għal din il-quddiesa huma mistiedna s-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi ħbieb tas-Sorijiet Klarissi.