Aġġornata: Sala ġdida f’San Luqa għal 17-il pazjent

Aġġornata: Il-Ministeru għas-Saħħa qal li f'San Luqa se tinfetaħ sala temporanja għal 17-il pazjent.  Din tinsab fl-istess inħawi fejn hemm il-Physiotherapy u l-Occupational Therapy u qabel kienet tintuża bħala Day Care Unit
Il-pazjenti se jittieħdu mill-Isptar Karen Grech taħt il-ħarsien tal-ispeċjalisti u qed jintgħażlu skont kriterji kliniċi.
B’dan il-proċess, 17-il pazjent fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew sodda għar-rijabilitazzjoni, se jiġu trasferiti b’effett immedjat fl-Isptar Karen Grech.

Aktar kmieni: Sodod mill-isptar San Filippu ttieħdu l-isptar San Luqa biex jinfetħu żewġ swali biex jilqgħu pazjenti minn Mater Dei minħabba nuqqas ta’ sodod.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal se ssir konferenza tal-aħbarijiet fejn il-Gvern se jħabbar pjan olistiku għas-saħħa.
Qal li fil-preżent hemm numru ta’ ftehim li fil-preżent qed issir analiżi dwarhom.  
Mistoqsi dwar iċ-ċaqlieq tas-sodod, il-Prim Ministru qal li jippreferi jagħti d-dettalji kollha minflok partijiet.  
Joseph Muscat enfasizza li kull sena se jkollna bżonn mitt sodda oħra biex nilħqu mad-domanda.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministru tas-saħħa Godfrey Farrugia ma ċaħadx li lest juża spazju mill-isptar fil-Pieta’ biex jindirizza din il-problema.