Se jinbnew aktar sulari fuq l-isptar ta’ Għawdex

Fuq il-binja tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fir-Rabat, mistennija jittellgħu aktar sulari.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li hemm il-pjan li jinbnew żewġ sulari li se jkunu jinkludu skola medika u diversi swali. Barra minn hekk xi dipartimenti mistennija jiġu trasferiti f'dawn is-sulari.
Kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa kkonfermat ma' Newsbook.com.mt li hemm pjan li jittellgħu aktar sulari fuq dan l-isptar. Qalet li l-pjanti strutturali ta' dan il-proġett għadhom qed jiġu ffinalizzati. Spjegat li l-ħsieb wara l-proġett hu li jkun hemm espansjoni tas-servizzi offruti mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.