Se jinbidel il-ħin tas-sajf? Il-Maltin jirreaġixxu

Bosta Maltin esprimew l-opinjoni tagħhom fuq il-midja soċjali dwar suġġett li prattikament ta’ kull sena jqajjem dibattitu, il-bdil tal-ħin bejn l-istaġuni.
Din il-ġimgħa il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw riżoluzzjoni li ssejjaħ għal aktar stħarriġ dwar il-bidla fil-ħin bejn is-sajf u x-xitwa.
Il-MEPs qalu li diversi inizjattivi taċ-ċittadini wrew li l-pubbliku huwa mħasseb dwar it-tibdil fil-ħin. Qalu li bosta studji jindikaw li l-bidla fil-ħin twassal għal effetti negattivi fuq is-saħħa.
Madanakollu, l-MEPs qed jinsistu li huwa kruċjali li, anki wara t-tmiem tal-bidla fil-ħin, tinżamm sistema tal-ħin unika fl-UE kollha.
F’reazzjoni għal dan, numru ta’ nies qalu li l-aħjar għażla tkun li jinżamm il-ħin tas-sajf tul is-sena kollha. Dan peress li jaħsbu li jkun hemm anqas tniġġiż u ħela ta’ dawl. Però kien hemm oħrajn li qalu li jippreferu l-ħin tax-xitwa.
Kif mistenni kien hemm numru ta’ nies li qalu li jsibuha diffiċli biex jidraw il-ħin meta jkun għadu kif inqaleb.
Oħrajn qalu li jekk qam dan id-dibattitu fil-Parlament Ewropew jiġifieri li ma tantx huma impenjati l-membri tiegħu.