Se jinbena l-ewwel bandli aċċessibbli għat-tfal li għandhom l-awtiżmu

Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti €100,000 fi ġnien li jinkludi bandli li jkun aċċessibbli għal tfal li għandhom l-awtiżmu.

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima f’Birżebbuġa taw dettalji dwar dan il-proġett. Preżenti wkoll kien hemm il-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela, is-Sindku Joe Farrugia u l-kunsilliera ta’ Birżebbuġa u rappreżentanti tal-fondazzjoni GAL XLOKK.

Il-Ministru Bonnici qal li f’Malta għad m’hawnx biżżejjed postijiet fejn ġenituri li jkollhom tfal li għandhom diżabilità jisgħu jieħdu lill-uliedhom. Żied li bħalma s-sistema edukattiva għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd daqshekk ieħor għandha tkun il-parti rikreattiva.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, li fakkar li llum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għat-Tfal u saħaq li permezz ta’ dan l-investiment, tfal fl-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu se jkollhom spazju miftuħ fejn jista’ jintuża bħala terapija sabiex itejjeb il-kundizzjoni tagħhom. Huwa semma kif l-attività fiżika tista’ tgħin lil dawn it-tfal sabiex itejbu s-self-esteem u jiżviluppaw ħiliet ġodda.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-proġett li se jkun qed isir mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa b’fondi Ewropej u se jwassal għal tisbiħ ta’ spazju miftuħ fiż-żona magħrufa bħala Tal-Papa, Birżebbuġa.

Lydia Abela qalet li permezz ta’ dan il-proġett fi Ġnien l-Ewropa, wieħed jista’ jara kemm hija  importanti u kruċjali l-inklużjoni ta’ kull persuna. Żiedet li bix-xogħol ta’ tisbiħ li se jsir f’dan il-ġnien se jibbenefika kulħadd fosthom dawk li għandhom problemi ta’ mobbiltà u anke persuni fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed jiffinanzja parti minn dan il-proġett b’investiment ta’ €40,000 u se jkun ko-finanzjat minn fondi Ewropej ta’ €57,870.