Se jiġu Malta biex jaraw x’titjib sar fid-detenzjoni

Delegazzjoni mill-Grupp dwar Detenzjoni Arbitrarja fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, se żżur Malta l-ġimgħa d-dieħla, biex issegwi żviluppi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2009.
Se tkompli wkoll bil-ħidma tagħha mal-Gvern Malti biex jiġu indirizzati problemi relatati mad-detenzjoni u ċ-ċaħda tal-libertà fil-pajjiż.
It-tliet esperti tad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin Malta se janalizzaw ukoll il-passi meħtieġa biex ir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel grupp ta’ esperti sitt snin ilu, jiġu attwati.
Id-delegazzjoni li se żżur Malta fuq stedina tal-Gvern se tkun qed tiltaqa’ mal-awtoritajiet tal-pajjiż kif ukoll ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Se żżur ukoll il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ċ-ċentri ta’ detenzjoni.
L-ewwel riżultati se jingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-25 ta’ Ġunju waranofsinhar.
Il-Grupp se jippreżenta rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NM.