Se jiġu diskussi t-taxxa u d-dwana f’Seminar ta’ Livell Għoli

Se jitlaqqa’ għall-ewwel darba Seminar ta’ Livell Għoli bejn id-Dwana Maltija u l-Awtoritajiet tat-Taxxa dwar it-tisħiħ fir-relazzjoni bejn dawn l-entitajiet.
Is-seminar se jsir b’kollaborazzjoni bejn il-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Kummissjoni Ewropea, u se jlaqqa’ taħt saqaf wieħed uffiċjali għolja tat-taxxa u d-dwana mill-Istati Membri tal-UE biex jiddiskutu strateġiji ta’ ħidma flimkien.
Is-seminar se jieħu l-forma ta’ taħditiet, iżda wkoll diskussjonijiet informali.
Is-suġġetti diskussi se jkunu l-iffaċilitar tan-negozju u l-konformità, il-lakuni legali, oqsma potenzjali ta’ koperazzjoni u t-titjib tal-mogħdija t’informazzjoni.
Is-seminar se jkun immexxi mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana Maltija, Joseph Chetcuti, u sa issa rreġistraw 120 delagat mill-Istati Membri.
L-attività se tittellgħa bejn fis-27 u t-28 ta’ April f’San Pawl il-Baħar.