Se jiġi diskuss it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karozzi

Nhar it-Tnejn li ġej, il-Ministri tal-Ambjent fl-Unjoni Ewropea se jiltaqgħu f’laqgħa formali tal-Ministri Ewropej fil-Lussemburgu, sabiex jiddiskutu t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karozzi u t-trasport tal-iskart bil-baħar.

Għal din il-laqħa ser jattendi l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat. Fost is-suġġetti li se jkunu trattati ser ikun hemm it-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 mill-karozzi u l-ġarr tal-iskart bil-baħar u diskussjoni dwar l-infrastruttura l-ħadra li permezz ta’ investiment f’teknoloġija ambjentali tista’ twassal għall-opportunitajiet ġodda ta’ investiment mill-privat fl-oqsma tal-ambjent.

Ser ikunu diskussa wkoll l-aħħar tħejjijiet għall-COP 19, il-laqgħa li l-Ġnus Maqgħuda ser torganizza fuq it-tibdil fil-klima fuq livell dinji, ix-xahar id-dieħel f’Varsavja, il-Polonja.