Se jiġi affettwat l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex minħabba ż-żieda fil-każijiet?

Read in English.

Issa li qegħdin jiżdiedu l-każijiet tal-coronavirus f’Malta, qed jikber it-tħassib fost il-Maltin u l-Għawdxin jekk l-ivvjaġġar lejn u minn Għawdex hux se jkun affettwat, bħalma kien fil-bidu tal-pandemija f’Marzu u fix-xhur ta’ wara.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal lil Newsbook.com.mt li s’issa, il-Gvern mhux qed jimmira li jwaqqaf l-ivvjaġġar bla bżonn minn u lejn Għawdex, jiġifieri li jitħallew jaqsmu l-fliegu r-residenti Għawdxin biss. Madankollu, huwa spjega li qegħdin jevalwaw is-sitwazzjoni sabiex jaraw ikollhomx jieħdu xi passi bħal dawn.

Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li xi ħaddiema li se jitilgħu Għawdex għada ntalbu provi li sejrin fuq xogħol. Dan qajjem spekulazzjoni jekk huwiex se jieqaf l-ivvjaġġar lejn u minn Għawdex bla bżonn.

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina wkoll qal lil Newsbook.com.mt li s’issa m’hemmx direttivi dwar dan.

Skont miżuri mħabbrin il-ġimgħa li għaddiet, min jinqabad bla maskra fuq il-Gozo Channel jeħel multa ta’ €50. Apparti hekk, qegħdin isiru spezzjonijiet għall-għarrieda.

Intant, il-Partit Nazzjonalista tenna t-tħassib tal-ħaddiema tal-Gozo Channel li qegħdin jintalbu joqogħdu għassa għan-nies li jirkbu l-vapur sabiex jaraw li dawn isegwu l-miżuri fil-konfront tal-pandemija, iżda dan mhuwiex xogħolhom u mhumiex imħarrġin għal hekk.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn