Ċajta: Se jiftaħ ċentru għat-tfal f’Paceville biex l-ommijiet jiddevertu

Din t'hawn taħt hija ċajta tal-ewwel t'April ta' Newsbook.com.mt.
Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jiftaħ child care centre fil-qalba ta’ Paceville.
Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt minn membri tal-GRTU, dan il-proġett, li qed isir permezz ta’ Public Private Parternship, huwa immirat għal ommijiet u missirijiet żgħażagħ li m’għandhomx ma' min iħallu lit-tfal, biex ikunu jistgħu joħorġu.
Din hija fost il-miżuri ġodda family friendly li se jkun qed jimplimenta l-Gvern f’din il-leġiżlatura u waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-aħħar manifest elettorali tal-Partit Laburista. 
L-etajiet tat-tfal li jistgħu jitħallew f’dan iċ-ċentru jvarjaw bejn sena u 10 snin.  Iċ-ċentru se jkun mgħammar bil-faċilitajiet meħtieġa, bi twieqi double glazed minħabba l-istorbju taz-zona.
Kull tifel jew tifla tista’ titħalla fiċ-ċentru sa massimu ta’ tliet sigħat.  Newsbook.com.mt infurmat li dan bil-għan li l-omm jew il-missier ikunu f’qagħda tajba biex jieħdu ħsieb lil uliedhom wara lejl ta’ divertiment.
Sidien ta’ stabbilimenti qalu li ġiet diskussa l-possibilità li dan is-servizz ta’ child minding, ikun akkumpanjat minn servizz ta’ taxi, lejn u minn Paceville. Dan bil-għan li jitnaqqas il-periklu mhux biss għall-ġenituri iżda anke għat-tfal.  Irrimarkaw li fl-istess ħin, dan ifisser aktar kummerċ fl-istabbilimenti tagħhom.
Għalkemm is-servizz se jkun bi ħlas, jidher li l-prezzijiet se jkunu irħas mir-rati normali għaż-żewġ servizzi. Dan minħabba sussidju mill-Gvern.
Tista’ tara jekk intix eliġibbli hawn.
“Ma nistax niżvela dettalji; mhux parti mill-Masterplan”
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar dan il-proġett, Philip Fenech, iċ-Ċermen tas-Settur tat-Turiżmu u d-Divertiment tal-GRTU, qal li f’dan l-istadju ma jistax jiżvela dettalji, lanqas dwar is-sit taċ-ċentru. Madanakollu, ikkonferma li dan il-proġett ma kienx parti mill-Master Plan ta’ Paceville, li għadu fuq l-ixkaffa.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan Guido Dalli qal li l-Kunsill qatt ma kien ikkonsultat dwar dan il-proġett.
Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru għall-Familja u lill-Ministeru għat-Turiżmu kienu għadhom ma ġewx imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni.