​Se jieħdu l-marki kollha għal mistoqsija li ma kinitx fis-sillabu tal-MATSEC

L-istudenti li għamlu l-eżami tal-Bijoloġija fil-Livell Avvanzat tal-MATSEC se jingħataw il-marki kollha għall-mistoqsija 2.3 ta’ Paper 3. Dan minħabba li l-mistoqsija li ġew mitluba jwieġbu, ma kinitx parti mis-sillabu.
Iċ-Ċermen tal-MATSEC, il-Professur Frank Ventura qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ Fleur Abela, il-Koordinatriċi tal-Edukazzjoni tal-għaqda studenteska PULSE.
F’din il-laqgħa, Abela ppreżentat rapport li jiġbor għadd ta’ lmenti li l-PULSE rċeviet fl-aħħar jiem mill-istudenti.
Prof. Ventura wiegħed lil PULSE, li se jkun qed jgħaddi r-rapport lill-Bord tal-Eżaminaturi tal-MATSEC biex iżommu f’moħħhom is-suġġetti li l-istudenti kellhom problema dwarhom.
Minbarra l-istudenti tal-Bijoloġija, ilmentaw ukoll mal-PULSE dawk li għamlu l-eżami tal-Matematika (fil-livell Intermedju u dak Avvanzat), Fiżika, Ġografija, Computing u Marketing.
Dwar l-eżami tal-Matematika fil-livell intermedju, il-ġimgħa li għaddiet il-bord tal-MATSEC ikkonferma li mistoqsija numru 10 tal-eżami ma kinitx fis-sillabu. Qal ukoll li se jieħu l-passi meħtieġa biex l-istudenti ma jiġux żvantaġġati.
Dwar l-eżami tal-Fiżika, il-bord qal li l-mistoqsijiet kollha kienu parti mis-sillabu.
Il-PULSE qed tappella lil studenti oħra li għandhom xi ilmenti biex jikkuntattjawhom fuq info@pulsemalta.com.
Tista' tara r-rapport sħiħ tal-PULSE hawn.