Se jiddispjaċiha jekk l-Istati Uniti tirtira mill-ftehim; nirritaljaw feroċement – Rouhani

Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, qal li l-Istati Uniti se jidispjaċiha jekk tibqa’ tgħaddas rasha dwar il-ftehim mal-Iran tal-2015 dwar l-armi nukleari.
Din l-istqarrija ta’ Rouhani tkompli ma’ dik tal-bieraħ, meta qal li l-Iran diġà għandu pjanijiet lesti dwar kif se jirritalja jekk il-President Donald Trump ma jibdilx fehmtu.
Il-ġimgħa l-oħra s-Segretarju tal-Istati Uniti, Mark Pompeo, qal li l-ftehim mal-Iran dwar l-armamenti nukleari kien kollu mibni fuq il-gideb, u dan wara li ra filmat tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, jgħid li għandhom provi li juru li l-Iran baqa’ għaddej bil-programm nukleari tiegħu.
Il-pożizzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, hi fuq l-istess linji ta’ Pompeo, hekk kif dan kemm-il darba qal li jixtieq jabbanduna l-ftehim. Trump mistenni jieġu deċiżjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
Trump qal li l-Istati Uniti toħroġ mill-ftehim jekk il-pajjiżi Ewropej l-oħra fil-ftehim ma jirranġawx dak li sejħilhom “difetti” fil-ftehim sat-12 ta' Mejju.
“Jekk iridu jkunu jafu aħniex qed nikkumplottaw xi bomba nukleari, diġà għedna kemm-il darba li m’aħniex, imma jekk se jippruvaw ixekklu l-influwenza tal-Iran fir-reġjun, hemmhekk se nirritaljaw b’mod feroċi”, qal Rouhani fuq it-televixin tal-istat.
Skont il-ftehim li kien sar taħt l-eks-President Barack Obama, l-Iran ftiehem mal-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit sabiex inaqqas l-andament tal-programm bl-uranju. Bi tpattija, dawn il-pajjiżi jneħħu xi sanzjonijiet fuqu.
Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit huma tal-fehma li l-ftehim ma fih xejn ħażin, saħansitra l-President Franċiż, Emmanuel Macron, ipprova jikkonvinċi lil Trump biex ma jerġax lura mill-ftehim.
Ritratt: Reuters