Filmat: “Se jibnulna l-ħajt tal-Ġordan” – Dimostranti f’Bormla

Read in English.

Għadd ta’ resident Bormliżi u għaqdiet rappeżentanti tagħhom inġabru fil-Maċina fil-Bormla f’dimostrazzjoni kontra l-estenzjoni tal-Università Armerikana ta’ Malta. Wieħed mill-kelliema sostna li issa, l-Ġordanizi jridu jibnu l-ħajt tal-Ġordan f’Bormla.

Id-dimostrazzjoni li bdiet għall-ħabta tal-11am rat lir-residenti jesprimu l-inkwiet tagħhom, partikolarment li l-applikazzjoni għall-estenzjoni tal-AUM għadha qed tiġi rakkomandata għall-approvazzjoni mill-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar.

It-tabib Joseph Tonna, wiehed mill-kelliema li indirizzaw id-dimostrazzjoni qal li jinsab ċert li l-Prim Ministru se jaqbeż għas-Sengleani. Qal li l-protesta hija li l-Maċina hija żona li għandha tibqa’ miftuħa b’aċċess pubbliku. Il-proposta tagħhom hija li minflok tinbena residenza għall-istudenti, l-art tinbidel f’żona miftuħa u taħtha jsir parkeġġ sabiex tissolva l-problema.

Kelliema għal Azzjoni Tuna Artna Lura qalet ma’ Newsbook.com.mt li din hija t-tielet tip ta’ azzjoni li ttieħdet sabiex titqajjem aktar kuxjenza fuq dak li qed jiġi ppjanat mill-AUM u kif dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv lill-komunità Bormliża.

“Illum il-Kottonera saret attrazzjoni turistika”

Min-naħa l-oħra, Dione Caruana, kelliem ieħor li indirizza d-demostrazzjoni, sostna li ilu joqgħod Għawdex 16-il sena imma xorta għadu Bormliż. Qal li llum il-Kottonera ġiet aktar sabiħa tant li saret attrazzjoni turistika. Qal li kien hemm żmien fejn bosta kienu jistħu jgħidu li huma mill-Bormla. Qal li l-protesta mhux qed issir biex ixxekkel l-investiment tal-Gvern imma biex tal-AUM jirrealizzaw li l-Kottonera mhix tagħhom.

Ir-residenti qed jipprotestaw ukoll li l-ebda pjanti ma ġew sottomessi mill-applikant skont kif mitlub qabel is-smigħ li jmiss li mistenni jsir fil-21 ta’ Novembru. It-tielet punt li qed jinkwieta lir-residenti huwa li żewġ ittri li ntbagħtu lill-Membri Parlamentari eletti mit-tieni Distrett, u rappreżentanti oħrajn baqgħu mhux imwieġba.

Jibgħatu ittra lir-rappreżentanti politiċi

Fl-ittra mibgħuta lill-Membri Parlamentari tat-tieni distrett inkluż il-Prim Ministru, lill-Kunsilli Lokali u lill-Ministri Ian Borg u Owen Bonnici, ir-residenti ħeġġewhom jissapportjawhom fl-oġġezzjoni tagħhom kontra l-applikazzjoni għall-estenzjoni tal-kampus tal-AUM.

Aqra: Estensjoni AUM: Ir-residenti jipprotestaw nhar il-Ħadd fil-Maċina

F’Settembru li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar ma approvatx l-estensjoni proposta mill-Università Amerikana ta’ Malta li hemm fil-Kottonera. Il-bord tal-awtorità qal li jerġa’ jiddiskuti din l-estensjoni darboħra wara li l-iżviluppatur jirranġa l-pjanti.

L-Awtorità tal-Ippjanar diġà kienet irrifjutat il-pjanti kurrenti għall-AUM li jikkonsistu f’kumpless ta’ erba’ sulari u parkeġġ taħt l-art mibni fuq il-parkeġġ li hemm ħdejn il-grada li tagħti għall-Isla. Minflok, id-Direttorat irrakkomanda lill-Università li tippreżenta applikazzjoni ġdida għall-blokka.

Aqra: Mhux approvata l-estensjoni tal-AUM; se terġa’ tiġi diskussa