Se jibda x-xogħol fuq il-Loġġa ta’ Pinto u pjazza f’Ħal Qormi

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar tat l-approvazzjoni tagħha għal żewġ proġetti li se jsiru f’Ħal Qormi. Dawn huma r-restawr tal-Loġġa ta’ Pinto fi Pjazza Narbona u ieħor li jinvolvi t-tisbieħ ta’ Pjazza San Franġisk fl-istess lokalità.
Iż-żewġ proġetti qed jiġu amministrati mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-loġġa, li tinsab fil-pjazza ta’ fejn il-knisja parrokjali ta’ San Bastjan tinsab fi stat ħażin minħabba li kienet esposta għall-elementi.
Din ġiet mibnija fl-1772 u tikkommemora l-31 sena ta’ Manuel Pinto de Fonseca bħala Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann. L-istruttura kienet tifforma parti minn kumpless akbar ta ‘razzett li kien jinkludi diversi stalel għaż-żwiemel tal-Granmastri. Il-leġġenda tgħid li l-Gran Mastru kien ipoġġi hawnhekk u minn din il-loġġa kien jara t-tiġrijiet taż-żwiemel lokali.
Fl-1981, dan il-kumpless kien żviluppat għall-akkomodazzjoni soċjali.

It-tisbieħ ta’ Pjazza San Franġisk se jinkludi pavimentar ġdid, bl-Awtorità tal-Ippjanar tgħid li dan se jsebbaħ iż-żona ta’ konservazzjoni urbana. Ix-xogħlijiet se jkomplu anke fuq iz-zuntier tal-knisja l-qadima ta’ San Bastjan biex tiġi nstallata rampa biex ittejjeb l-aċċess għall-kappella li llum qed tintuża bħala mużew tal-Knisja.