Se jibda l-proċess ta’ ħlas 9 xhur wara l-maltempata

Il-proċess tal-ħlas għall-bdiewa li ġarrbu ħsarat fir-raba tagħhom minħabba l-maltempata qalila li ħakmet lill-gżejjer Maltin fi Frar li għadda mistenni jibda dalwaqt.

Kelliem għas-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura spjega ma’ Newsbook.com.mt li l-proċess ta’ rifużjoni ta’ parti mill-ispejjeż ta’ dawn il-bdiewa jinsab fi stadju avvanzat. Qal li fi ftit ġranet oħra, il-bdiewa se jkunu qed jirċievu d-dettalji neċessarji sabiex ikun jista’ jibda l-proċess tal-ħlas.

Il-Ħadd li għadda, il-kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew, Peter Agius, qal li l-bdiewa li ġew affettwati għadhom lanqas biss ingħataw ċenteżmu mill-Gvern.

Il-kelliem għas-Segretarjat qal li minħabba li ma kienx hemm proċess jew struttura definita ta’ kif għandha tingħata din l-għajnuna, il-Ministeru għall-Ambjent imbarka fuq proċess definit u estensiv sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu li jkun jista’ jkopri perċentaġġ mill-ħsarat li ġarrbu l-bdiewa. Il-massimu tal-perċentaġġ huwa dak ta’ 45% tal-ispejjeż.

Hu kkonferma li hemm ‘il fuq minn 100 bidwi li huma eliġibbli biex jieħdu dawn il-fondi lokali.

Newsbook.com.mt staqsa jekk il-ħsarat ikkawżati mir-riefnu tal-14 ta’ Diċembru kienux ukoll se jiġu kkunsidrati. Madanakollu s-Segretarjat ma weġibx għal din il-mistoqsija.

Newsbook.com.mt talab ukoll lista ta’ kif se jitqassmu l-fondi madanakollu din il-lista ma waslitx.