Se jibda jsir screening tat-tfal mit-twelid għal diffikultajiet personali

Read in English.

Dalgħodu kien issiġillat Memorandum ta’ Ftehim dwar strateġija ta’ screening tat-tfal biex sa’ minn etajiet bikrija jiġu identifikati u jintgħarfu diffikultajiet. Dan  kemm fl-iżvilupp fiżiku kif ukoll dak intellettwali u b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-passi preventivi kollha li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tat-tfal.

Dan se jsir permezz ta’ ħidma inter-ministerjali bejn il-Ministeru għad-Drittijiet tat-Tfal, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Ministeru għas-Saħħa, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità biex tingħata għajnuna immedjata lil tfal li jistgħu jesebixxu diffikultajiet personali. 

Fi stqarrija l-Gvern qal li l-għan huwa li jintgħarfu sfidi fiżiċi, intellettwali, psikosoċjali, u edukattivi, fost oħrajn, fi tfal tat-twelid sa 16-il sena. Wara li jkunu identifikati dawn l-isfidi, ikunu implimentati interventi skont l-esiġenzi tat-tfal fil-bżonn tal-għajnuna. Din l-EMP se tkun qed titmexxa mill-Aġenzija Appoġġ, b’kooperazzjoni mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-minsiteri rispettivi l-oħra.

Il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li din il-kooperazzjoni hija pass ieħor importanti fejn tidħol għajnuna għat-tfal minn etajiet bikrija, dan flimkien mal-politika olistika tal-gvern li qed tagħmel lit-tfal prijorità fuq kollox, permezz ta’ riformi kontinwi speċjalment fejn jidħlu tfal vulnerabbli u dawk li jinsabu taħt ordni ta’ protezzjoni.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici fakkar li s-settur edukattiv f’Malta dejjem kien minn ta’ quddiem biex jara li kull tifel u tifla tingħatalhom l-istess opportunità sabiex ikunu jistgħu jgawdu mill-iktar tagħlim xieraq.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li bis-saħħa ta’ din l-istrateġija, fejn se jkun hemm anki Operation Unit fi ħdan l-Aġenzija Sapport, se jibda jsir screening tat-tfal sabiex jintgħarfu kemm jista’ jkun kmieni d-diffikultajiet kemm fl-iżvilupp fiżiċi u anki intellettwali li jista’ jkun hemm, bil-għan li jsir dak kollu possibbli għall-aħjar żvilupp ta’ dawn it-tfal