“Se jħallu biss ħajt u emblema; kisru l-kundizzjonijiet” – NGOs dwar il-Grupp db

Miguela Xuereb

Read in English.

Grupp ta’ NGOs immexxija minn Moviment Graffitti ssottomettew protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità tal-Artijiet għax sostnew li l-Grupp db kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt hekk kif allegatament se jwaqqa’ xelter ta’ żmien il-Gwerra l-Bierda u jħalli biss ħajt u emblema minnu.

Il-protest ġudizzjarju mibgħut lill-midja jgħid li l-kuntratt iffirmat mill-Gvern Malti u l-Grupp db jagħti permess lill-iżviluppatur sabiex jirrestawra l-barracks ta’ San Ġorġ. L-NGOs sostnew li minkejja din l-obligazzjoni ċara tal-kuntratt, il-binja se titwaqqa’ u b’hekk hemm ksur tal-kuntratt li jista’ jwassal għal telfien ta’ wirt kulturali.

Għaldaqstant, il-protest qed jitlob lill-Awtorità tal-Artijiet sabiex tenforza l-kuntratt u tassigura l-wirt kulturali.

Aqra: Il-Grupp db jissottometti pjanti ġodda għall-eks sit tal-ITS

Is-seba’ organizzazzjonijiet li ssottomettew il-protest ġudizzjarju huma Din l-Art Ħelwa, Ramblers’ Association of Malta, BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Bicycle Advocacy Group.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat Indipendenti għal Membru Parlamentari Ewropew, Arnold Cassola, sostna li l-arroganza tal-Grupp db ma għandhiex limitu u hija mmexxija minn Joseph Muscat u Adrian Delia li sostna qed jirċievu finanzjament mis-sidien tal-Grupp db.

Aqra: Sospiż ix-xogħol tal-Grupp db fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke

“Mhux vera se niskavaw ix-xelter” – Grupp db

Il-Grupp db qed jgħid li mhux vera se jiġi skavat xelter li nstab fis-sit fejn se jkun qed jinbena l-proġett tagħhom li ilu jiġi kkontestat għal xhur sħaħ.

Kelliem għall-grupp spjega li kienet gidba li x-xelter minn żmien il-Gwerra l-Bierda kien skedat għat-twaqqiegħ u spjega li mhux se jkun qed isir l-ebda xogħol fuq ix-xelter qabel ma s-Sovratindenza tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-każ.

Newsbook.com.mt ipprova jġib dawn ir-risposti direttament minn kelliem għall-kumpanija, madanakollu l-kelliem qal lill-kamra tal-aħbarijiet sabiex tikseb ir-risposti tagħha minn midja lokali oħrajn.

Aqra: db Group denies excavations on bunker’s site; says Graffitti statements ‘absolutely untrue’

Moviment Graffitti jqajjem kontroversja

L-attivisti ta’ Moviment Graffitti bdew kontroversja u qajmu numru ta’ mistoqsijiet wara li ritratt mtella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tagħhom allega li kienu bdew ix-xogħlijiet fuq is-sit tal-ITS mill-grupp DB. Il-post tgħid li l-makkinarju li jqatta’ l-ġebel beda jaħdem fuq is-sit tal-barracks ta’ San Ġorġ mingħajr għadha ma ttieħdet deċiżjoni dwar il-każ.

FLASH NEWS – db Group demolishing historical sitesRock-cutters went into action on the site of the scheduled St George…

Posted by Moviment Graffitti on Thursday, May 16, 2019