Se jħaddru l-btieħi tal-iskejjel kollha f’Pariġi

Ħdura Btieħi Skejjel Pariġi Tfal

F’Pariġi se jinbeda pjan kbir biex tiffriska l-belt, billi jitħaddru l-btieħi tal-iskejjel u jkunu miftuħa biex jitgawdew mill-pubbliku barra l-ħin tal-iskola.

Il-btieħi tal-iskejjel imdawwra bil-ħitan għolja tal-konkrit isiru qishom forn bis-sħana li jżommu fihom. Ikollhom jitwaqqfu wkoll l-attivitajiet kollha li jsiru fihom.

Project Oasis hu intenzjonat li jibdel il-btieħi tal-iskejjel f’żona friska tal-kapitali Franċiża. It-tama hi li jingħata kenn lill-pubbliku fis-sħana estrema u possibilment titniżżel xi ftit it-temperatura tal-belt li m’għandhiex wisq spazji ħodor. Fil-fatt 9.5% biss ta’ Pariġi huma ġonna u postijiet bin-natura, l-iktar proporzjon baxx fl-Ewropa. Londra tgawdi 33% ta’ spazji ħodor u Madrid għandha 35%.

Il-btieħi se jiġu trasformati billi jitqiegħdu ħitan tal-ħaxix ma’ xi ħitan, pjanti tal-ħxejjex, żoni akbar bid-dell u uċuħ li jassorbu l-ilma tax-xita.

Jekk kollox jimxi skont il-pjan, it-800 skola f’Pariġi għandha tiġi trasformata fi spazju aħdar sal-2040.

Pariġi għandha l-ikbar densità tal-popolazzjoni fl-Ewropa.

Is-sħana qawwija qatlet 580 persuna f’ġimgħa waħda ta’ sħana, is-sena li għaddiet. Is-sħana qawwija li ħakmet l-Ewropa fl-2003 qatlet 14,800 persuna.