Se jgħaddu minn fejn ittajjar Tim f’San Ġiljan

Wara li spiċċa vittma ta’ inċident tat-traffiku li beda kawża ta’ żagħżugħ allegatament xurban, bosta se jingħaqdu sabiex ifakkru l-memorja taż-żagħżugħ Tim Scholten propju fil-post fejn ittajjar.

Scholten, li kellu biss 19-il sena kien qiegħed fuq btala f’Malta u inzerta kien miexi fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’San Ġiljan meta ttajjar minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena minn Birkirkara. Hu kien wieħed fost tmien vittmi, u l-unika wieħed li tilef ħajtu.

F’messaġġ li qed jinxtered fuq Facebook, il-poplu Malti u Għawdxi qed jiġi mħeġġeġ sabiex għada jmur San Ġiljan sabiex ifakkar il-memorja tiegħu u bħala talba konġunta sabiex l-awtoritajiet jissieltu għall-ġustizzja u toroq aktar siguri.

Il-vġili se jibda fis-7pm u dawk kollha li se jattendu qed jiġu mitluba jieħdu magħhom fjuri u xemgħat.