Se jfakkru t-traġedja ta’ 74 sena ilu fiż-Żejtun

Fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun nhar il-Ħadd se titfakkar it-traġedja tal-vittmi tal-gwerra, li seħħet fit-2 ta' Mejju tal-1942.
F'attività organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, se jipparteċipaw tliet każini tal-baned u għaqdiet oħra tal-parroċċa. Waqt l-attività se jkun hemm qari letterarju u rakkont ta' x'ġara dakinhar tat-traġedja.
F'Mejju tal-1942, żewġ ajruplani resqu lejn Malta u għall-ħabta tal-10.45am tefgħu tmien bombi viċin il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun u fuq diversi djar li kien hemm fit-triq li twassal għal Ħal Tarxien.  Minħabba li ħafna mill-bombi ma ħadux mal-impatt, it-traġedja kienet ikbar u mietu 28 persuna.
Minbarra dawn il-vittmi, l-attività se tfakkar ukoll lil 113 Żejtuni li mietu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fosthom tarbija ta' ħamest ijiem.
Mal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun għadhom jidhru d-daqqiet li ġew ikkawżati mill-isplużjoni.