Se jerġgħu jżewġuhom!

Wara s-suċċess tal-kunċert Kelma Kelma, Nota Nota x-xahar li għadda, il-kelma u n-nota se jerġgħu jagħmluha u se jintisġu flimkien f’kompożizzjoni komika.
Dan wara r-rispons pożittiv li kien hemm fuq il-mezzi soċjali l-għada tal-kunċert. Ħafna kienu dawk li qalu li kien kunċert li niżlilhom għasel u talbu biex jerġa’ jsir.
Il-Kunsilll Malti għall-Arti se jaqtgħalhom xewqithom u se terġa’ ttella’ l-kunċert ta’ Kelma Kelma u l-Big Band Brothers bis-sehem ta’ Ray Calleja u l-Aħwa Bezzina.
L-attività, li se ssir fis-27 ta’ Awwissu fid-9 ta’ filgħaxija, se tkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.
Bħas-serata preċedenti, il-karattri tal-ħrejjef tal-kanzunetti u t-taqbiliet mistennija jerġgħu joħorġu mill-kotba biex joffru lejla mill-isbaħ ta’ kant, mużika, poeżija u logħob bil-kliem.
Ma jonqsux xi makkjetti ta’ Charles Clews, li huma bħal rakkonti umoristiċi li fl-isfond ikollhom mużika ħafifa.
Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit ticketline.com.mt u d-dħul kollu minnhom se jmur għal The Malta Community Chest Fund – #KunĊertLiTattendi.