Se jerġgħu jitpoġġew il-gallariji ta’ ħdejn Victoria Gate

Darba kienet l-aktar triq kummerċjali fil-Belt iżda issa tinsab fi stat dilapitat. Il-faċċati ta’ għadd ta’ ħwienet li jinsabu fit-Telgħa ta’ Liesse sa Victoria Gate se jiġu restawrati wara li l-Kummissjoni għall-Ippjanar approvat il-permessi għal dawn ix-xogħlijiet.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dan ir-restawr hu parti minn inizjattivca ikbar biex il-Belt Valletta tiġi riġenerata u tiġi iktar tappella għat-turisti li jżuru l-Kapitali.

L-Awtorità qalet ukoll li dawn il-faċati qegħdin fi stat dilapitat ħafna bil-ħsarat jinkludu xogħol fil-ġebla li m’għadux jidher, ħaxix li kiber mal-fili u elementi arkitettoniċi oħra li m’għandhomx hemm.

Sostniet li x-xogħlijiet li se jsiru taħt is-sorveljanza tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jaraw li din iż-żona tibda tidher sabiħa fil-karattru oriġinali tagħha.

L-istorja taż-żona matul iż-żminijiet

Lura fiż-żmien tal-kavallieri meta l-Belt Valletta inbniet bħala belt iffortifikata, din l-għolja kienet waħda mill-uniċi tliet daħliet għall-Belt Valletta. Taħt il-renju Brittaniku, Porta Del Monte, li kienet arkata arkitettonika waħda, kienet meqjusa żgħira wisq biex tlaħħaq mal-ammont ta’ attività ġewwa u barra l-Belt Valletta. Fl-1885, ġie ddisinjat bieb usa mill-Perit Emmanuele Luigi Galizia li nbena flok Porta del Monte għal dik li llum nafuha bħala Victoria Gate.