Se jerġa’ joħroġ it-tender għat-traffic lights fil-Marsa

Fl-inħawi taż-żona industrijali fil-Marsa, speċjalment fi Triq Garibaldi u Triq il-Labour, tpoġġew arbli li magħhom se jiġu nstallati t-traffic lights.
Dawn l-arbli ilhom li tpoġġew dawn l-aħħar xhur iżda d-dawl tat-traffiku, li se jbiddlu l-andament tat-traffiku f’toroq fost l-iktar traffikużi, baqgħu ma’ ġewx installati.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għat-Trasport qalet li t-traffic lights baqgħu ma ġewx installati għaliex se jerġa’ jinħareġ it-tender.
Dan għaliex is-sottomissjonijiet li saru ma kienux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi skont it-tender oriġinali.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li dawn it-traffic lights se jiffurmaw parti minn sistema kkordinata tat-traffiku li se tinkludi mhux biss Triq Garibaldi u Triq il-Labour imma wkoll Vjal Santa Luċija jew kif magħrufa t-telgħa taċ-ċimiterju, Vjal Sir Paul Boffa u Triq Aldo Moro.  
F’Diċembru li għadda, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi kien ħabbar proġett tat-traffiku għaż-żona industrijali fil-Marsa.
Dan il-proġett se jiġi jiswa €80 miljun u se jkun qed jinkludi l-bini ta’ fly-overs, pont u park & ride