Se jerġa’ jibda l-aċċess bejn it-tfal u l-ġenituri bijoloġiċi

Wara digiriet li ngħata fil-Qorti tal-Familja, se jerġa’ jibda l-aċċess b’superviżjoni u ta’ moniteraġġ tal-minuri li huma rregolati mill-Qorti. Dan l-aċċess se jerġa u jmur lura għall-mod kif kien qabel il-miżuri li ttieħdu minħabba l-coronavirus.

Dan id-digriet ngħata wara li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u d-Direttorat għall-Kura Alternattiva għamlu l-verifiki kollha neċessarji mal-awtoritajiet tas-saħħa u ngħataw linji gwida ta’ kif għandu jsir l-aċċess.

Fi stqarrija l-Ministeru spjega li l-ħaddiema tad-direttorat se jkunu qegħdin jiżguraw li kull persuna tkun konformi mar-regoli tas-social distancing. Kull persuna inkluż tfal li għandhom ‘il fuq minn 6 snin għandhom ikunu lebsin maskra jew visor u se jkunu qed jingħataw hand sanitisers.

Għal dawn l-aċċessi se jkunu qed jintużaw spazji miftuħa bħal ġonna pubbliċi u diversi postijiet oħra li għandha l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.

Il-Ministeru spjega li tfal li jgħixu fi djar residenzjali differenti mhux ser ikunu qed jiltaqgħu fiżikament bejniethom għalissa, iżda l-ġenituri se jkollhom il-ħin imqassam biex ikunu jistgħu jaraw lit-tfal tagħhom, skont iċ-ċirkostanzi u l-benesseri tal-minuri.

Dawk it-tfal li jinsabu taħt Ordni ta’ Ħarsien li għandhom viżti fid-djar privati jew sleepovers u l-istess tfal qed jgħixu ma’ foster carers jew fi djar residenzjali, l-aċċess se jkun qed isir fi spazji miftuħa sakemm il-post tas-soltu ikun approvat li huwa adegwat.

L-aċċess se jkun miftuħ għall-ġenituri bijoloġiċi tal-minuri u għan-nanniet.

Id-digriet ngħata wara mill-Qorti tal-Familja wara rikors li ġie ppreżentat mill-Ministeru għall-Familja wara li l-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal ħadem fuq pjan sabiex jerġgħu jibdew il-viżti b’superviżjoni sabiex it-tfal jerġgħu jiltaqgħu mal-ġenituri bijoloġiċi fiżikanent.