Se jerġa’ jibda jintlagħab il-futbol fil-Ġermanja

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel ħabbret li l-istaġun tal-Bundesliga Ġermaniż jista’ jerġa’ jibda aktar tard dan ix-xahar.

Dan se jkun l-ewwel kampjonat kbir fl-Ewropa li jirritorna għall-kompetizzjoni. Id-data għat-tkomplija għandha tiġi konfermata mill-Kampjonat Ġermaniż tal-Futbol (DFL) nhar il-Ħamis li se tkun jew fit-tmiem tal-ġimgħa 16-17,  jew fit-23-24 ta’ Mejju. Il-logħbiet kollha se jintlagħbu wara bibien magħluqa.

B’disa’ logħbiet li fadal, Bayern Munich jinsabu fuq nett tat-klassifika, erba’ punti  aktar minn Borussia Dortmund.

Christian Seifert, il-kap eżekuttiv tad-DFL, qal li d-deċiżjoni tal-lum hija aħbar tajba għall-Bundesliga u l-Bundesliga 2.

“Hija marbuta ma’ responsabbiltà kbira għall-klabbs u l-impjegati tagħhom biex jimplimentaw il-ħtiġijiet mediċi u organizzattivi b’mod dixxiplinat,” qal.

“Logħob mingħajr spettaturi mhumiex soluzzjoni ideali għal kulħadd. F’din il-kriżi li qed thedded l-eżistenza stess ta’ xi klabbs, dan huwa l-uniku mod kif nistgħu nżommu l-kampjonati fil-forma attwali tagħhom.”

L-aħbar tal-ftuħ tal-logħob waslet jum wara li l-klabbs fl-aqwa żewġ diviżjonijiet Ġermaniżi ħabbru li kien hemm 10 plejers li kellhom riżultati pożittivi għall-COVID-19 minn fost 1,724 test tal-koronavirus.