Se jbiddlu malajr it-tmiem ta’ Rosy Abate

Ritratt: Uffiċju Stampa Mediaset

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru, l-istazzjon Canale 5 se jxandar l-aħħar puntata tas-sensiela Rosy Abate.

Minn dak li sar magħruf, il-protagonista kellha tmut f’din il-puntata.

Iżda malli ħarġet l-aħbar dwar dak li kien mistenni jiġri, is-segwaċi ta’ din is-sensiela mill-ewwel irvellaw, u tant bdew jidħlu messaġġi ta’ protesti li l-produttur tas-sensiela Pietro Valsecchi, f’isem il-kumpanija tal-produzzjoni Taodue, ħareġ stqarrija fejn qal li l-aħħar puntata ta’ nhar il-Ġimgħa qed isir xogħol fuqha biex ma tintweriex kif kienet pjanata.

Huwa għamel appell pubbliku biex is-segwaċi tas-sensiela ma jkomplux iċemplu jew jibgħatu aktar messaġġi ta’ protesti.

Żied jgħid li kull min hemm involut f’din il-produzzjoni jinsab grat lejn il-mod kif it-telespettaturi qed jirreaġixxu f’dan il-mument, mhux biss wara li ħarġu l-figuri mill-Auditel li wrew li Rosy Abate issuperat l-udjenza ta’ Rai Uno li fl-istess ħin ikunu qed ixandru l-ispettaklu storiku Tale e Quale Show.

F’dan l-istadju l-futur ta’ Rosy Abate għadu misteru għax m’hemmx żmien biżżejjed biex jerġgħu jaħdmu t-tmiem tat-tieni staġun u għalhekk kollox se jħoll u jorbot fuq il-muntaġġ biex jerġa’ jsir u jippruvaw joħolqu tmiem alternattiv li jħalli tieqa miftuħa biex forsi jkun hemm it-tielet staġun is-sena d-dieħla.

L-aħħar puntata ta’ Rosy Abate se tixxandar nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru fuq Canale 5 fid-9.25pm.