Rapport dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sab li Malta sejra fit-triq it-tajjeb kontra l-faqar imma li hemm staġnar fl-azzjoni tal-klima.
Fir-rapport ta’ Bertelsmann Stiftung, Sustainable Development Solutions Network, u Cambridge University Press Malta kklassifikat fit-32 post minn 166 pajjiż fl-indiċi tal-SDGs għall-2020. Malta ġiet wara pajjiżi bħall-Ingilterra u l-Italja imma qabel Ċipru u r-Russja. L-Iżvezja tinsab fl-ewwel post b’84.7 punti.
Malta akkwistat riżultat ta’ 76 minn 100. Ir-riżultat medju reġjonali huwa ta’ 70.9.

Skont ir-rapport Malta sejra fit-triq it-tajba fejn jidħol il-faqar, l-edukazzjoni, l-enerġija nadifa, u t-tkabbir ekonomiku. Min-naħa l-oħra hemm staġnar fl-azzjoni tal-klima u titjib moderat fejn jidħlu l-istituzzjonijiet b’saħħithom.
Ir-rapport jgħid li Malta sejra ħażin fejn tidħol l-obeżità, fl-infieq fir-riċerka u l-iżvilupp, l-indafa tal-baħar, u fil-perċezzjoni tal-korruzzjoni. Hemm ukoll titjib li jista’ jsir fin-numru ta’ siġġijiet fil-parlament li huma okkupati minn nisa.
Malta ġabet marka ta’ 74.5 minn 100 għall-persentaġġ tal-popolazzjoni li jħossu sigur jimxi waħdu bil-lejl fil-post fejn jogħqod.

Fi stqarrija f’reazzjoni għar-rapport il-Ministeru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (responsabbli għall-Iżvilupp Sostenibbli) immexxi minn Carmelo Abela rrimarka li filwaqt li hemm sinjali ta’ titjib kontinwu, hemm bżonn li jsir aktar xogħol sabiex jinkisbu l-għanijiet u – miri tal-Aġenda 2030. Intqal li d-Direttorat tal-Iżvilupp Sostenibbli qed jaħdem fuq għadd ta’ inizjattivi li l-iskop tagħhom huwa li jissimplifikaw il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-ħidma tal-gvern b’mod ġenerali.
X’inhuma l-SDGs?
Is-Sustainable Development Goals (SDGs) huma magħrufin ukoll bħala l-Global Goals. Dawn ġew addottati mill-istati membri kollha tal-Ġnus Magħquda (UN) fl-2015 bħala sejħa universali għall-azzjoni biex jintemm il-faqar, tiġi protetta l-pajneta, u li jkun assigurat li n-nies jgawdu mill-paċi u mill-prosperità sal-2030.
Tista’ taqra kopja tar-rapport sħiħ minn hawn.
Fl-2019 88,777 persuna f’Malta kienet tinsab f’riskju ta’ faqar. Dawn jinkludu persuni li ma jistgħux jixtru affarijiet materjali jew jgħixu f’post li huwa bażiku u m’għandux in-neċessitajiet bażiċi kollha.