Screenings għall-virus f’ajruporti fl-Italja u fl-Ingilterra

FILE PHOTO: International travelers arrive at John F. Kennedy international airport in New York City, U.S., February 4, 2017. REUTERS/Brendan McDermid

Diversi ajruporti madwar id-dinja, fosthom fl-Italja u l-Ingilterra, qed jagħmlu screenings minħabba l-coronavirus li jidher li qed jinfirex f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

L-imwiet fiċ-Ċina kawża ta’ dan il-virus il-ġdid telgħu għal 17 illum. Intant, jidher li ġew ikkonfermati 540 każ li qed iwasslu għal biża’ li dan il-virus jinxtered aktar malajr. Il-virus jidher li oriġina minn annimali slavaġġ li ġew mibjugħa illegalment. Hu mifhum li l-virus speċifiku oriġina fil-belt ta’ Wuhan, iżda l-każijiet jidher li issa waslu anke fl-Istati Uniti.

Persuni li qed jaslu fl-ajruport ta’ Heathrow f’Londra, u li huma ġejjin mill-belt Ċiniża qed jintlaqgħu minn timijiet tas-saħħa, inkluż tabib. Din il-proċedura ħabbarha l-Gvern Ingliż. Dan hekk kif esperti tal-mard infettiv fir-Renju Unit qed jgħidu li hemm ċans li n-numru tal-każijiet qed jitla’ għal 4,000.

Similarment, l-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma qed jagħmel screenings ta’ passiġġiera li jaslu minn Wuhan. Sa issa, fi Fiumicino waslu tliet titjiriet diretti minn Wuhan, kif ukoll diversi titjiriet oħrajn li ġabu nies li oriġinarjament telqu minn Wuhan. Skont il-Ministeru għas-Saħħa tal-pajjiż, il-passiġġiera qed jiġu ttestjati u jekk jinstabu każi sintomatiċi dawn jittieħdu fi sptar dedikat apposta għall-kura ta’ mard infettiv.

Il-virus jidher li nxtered lejn Beijing, Shanghai, Macau u Hong Kong.

Dalgħodu l-awtoritajiet Ċiniżi qalu li fil-pajjiż kien hemm l-ewwel każ ta’ infezzjoni minn persuna għal persuna u li jidher li l-virus qed jinfirex min-nifs.