Score: Niġerja 1-2 Arġentina

Id-difensur ta’ Manchester United  Marcos Rojo kien l-eroj għall-Arġentina wara li skurja fis-87 minuta biex żamm l-avventura ta’ pajjiżu fit-Tazza tad-Dinja milli tintemm kmieni.

Is-Sud Amerikani kienu jafu li jridu jirbħu bilfors wara li wirja diżastruża kontra l-Kroazja ħallithom pass ’il bogħod mill-eliminazzjoni mit-turnew. Lionel Messi poġġa lill-Arġentina fil-vantaġġ wara kwarta meta l-attakkant ta’ Barcelona kkontrolla l-ballun fuq kuxtejh wara tqassima fit-tul ta’ Ever Banega biex imbagħad għeleb lil Francis Uzoho b’xutt preċiż.

In-Niġerja kisbu d-draw mal-bidu tat-tieni taqsima minn penalty wara li Javier Mascherano wettaq foul fuq Leon Balogun. Victor Moses ikkonkluda fix-xibka hekk kif it-tielet goalkeeper tal-Arġentina Franco Armani qabeż lejn in-naħa l-ħażina.

It-tim ta’ Jorge Sampaoli deher miexi lejn l-eliminazzjoni qabel Gabriel Mercado xeħet kross min-naħa tal-lemin li wassal għall-gowl ta’ Rojo.

Miġjub lilek minn Hublot