Score: Iran 1-1 Portugal

Il-Portugal irnexxilhom jikkwalfikaw għall-fażi tan-knockout wara draw kontroversjali kontra l-Iran. S’issa Cristiano Ronaldo kien l-iktar plejer deċisiv għall-Portugal fit-turnew iżda l-attakkant ta’ Real Madrid ma kienx fl-aqwa forma tiegħu matul din il-logħba.

Ricardo Quaresma, veteran f’din l-iskwadra, irnexxilu jiftaħ l-iskor għall-Portugal b’xutt brillanti bil-lemin lejn tmiem l-ewwel 45 minuta. Iċ-Champions Ewropej imbagħad ingħataw penalty wara foul fuq Ronaldo fil-51 minuta. Il-goalkeeper tal-Iran Alireza Beiranvand inxteħet lejn ix-xellug sabiex waqqaf lil Ronaldo milli jżid man-numru ta’ gowls li diġà skurja.

Karim Ansarifard tal-Iran ġab id-draw grazzi għal penalty dubjuż mogħti mir-referee Enrique Caceres fil-ħin miżjud, wara l-użu tal-VAR minħabba li Cédric Soares deher imiss il-ballun b’idu. Id-draw ifisser li l-Portugal ikklassifikaw fit-tieni post u b’hekk nhar is-Sibt Ronaldo se jaffronta lill-attakkant letali tal-Urugwaj Suarez.

Miġjub lilek minn Hublot