Score: Ġermanja 2-1 Żvezzja

Il-Ġermanja ħallew għall-aħħar biex jegħlbu lill-Iżvezzja u jevitaw li joħorgu mit-Tazza tad-Dinja fil-fażi tal-gruppi. Il-plejer ta’ 31 sena Ola Toivonen poġġa lill-Iżvezzja fuq quddiem fit-32 minuta hekk kif qabbeż il-ballun minn fuq Manuel Neuer.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Joachim Löw daħħal lil Mario Gomez flok Julian Draxler filwaqt li Thomas Müller lagħab f’pożizzjoni iktar irtirata bl-għan li tasal bidla fl-iskor. Marco Reus, li ħa post Mesut Ozil fit-tim Ġermaniż wara li l-midfielder ta’ Arsenal iddiżappunta kontra l-Messiku, ġab id-draw għal-aħħar rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja.

Kollox deher li sejjer għall-għar għat-tim ta’ Löw peress li d-difensur ta’ Bayern Munich Jerome Boateng tkeċċa meta kien għad jonqos 8 minuti logħob wara li ngħata it-tieni karta safra minħabba daħla fuq Markus Berg tal-Iżvezzja. Madanakollu Toni Kroos żamm il-ħolma tal-Ġermanja li tikkwalifika mal-aħħar 16 milli tiġġarraf meta skurja freekick spettakolari fil-ħin miżjud.

Miġjub lilek minn Hublot