‘Science in the House 2019’ fil-Parlament ta’ Malta

SPK


Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg inawgurat wirja ta’ programmi ta’ riċerka xjentifika u studji ntitolata ‘Science in the House 2019’ fil-Parlament ta’ Malta.  Din il-wirja hi mtellgħa mill-European Researchers’ Night / Science in the City Consortium u hi waħda minn tant attivitajiet tal-iniżjattiva Ewropea ‘Science in the City’ fil-Belt Valletta, intiża biex jiżdied l-interess fost il-poplu Malti fi programmi ta’ studju u riċerka xjentifika.

SPK

Fid-diskors tagħha, id-Deputat Speaker saħqet dwar l-importanza tal-istudju tax-xjenza bħala għerf u tagħrif bil-għan li titjieb il-ħajja umana.  Hi għamlet referenza għal-laqgħa tal-mexxejja tad-dinja fil-Ġnus Magħquda fi New York dwar il-miri għall-iżvilupp sostenibbli.  Dawn għandhom jitqiesu bħala kejl effettiv bil-għan li jkun żgurat għaxjien dinjituż lill-bnedmin. 

Għaldaqstant, studji u programmi ta’ riċerka xjentifika għandhom jagħmlu parti minn pjan ta’ azzjoni sabiex jinstabu rimedji għan-nuqqas ta’ żvilupp uman, fost ħafna, il-faqar fid-dinja, l-illitteriżmu, li jkun magħruf id-dritt li kull persuna marida jkollha aċċess għall-kura medika li jkollha bżonn, il-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni fost il-bnedmin, li nilqgħu għall-effetti ħżiena fit-tibdil tal-klima, u li jkunu mħarsa l-istituzzjonijiet tal-istat bl-għan li jissaħħu l-prinċipji u l-valuri tad-demokrazija parlamentari, il-ġustizzja u l-ordni soċjali.  Għalhekk, kull studju u programm ta’ riċerka xjentifika għandu jqiegħed it-titjib tal-għajxien tal-bniedem bħala l-għan aħħari tiegħu.

SPK

Il-Wirja ‘Science in the House 2019’ fil-Parlament ta’ Malta ser tkun miftuħa għall-pubbliku mill-Ħamis, 26 ta’ Settembru sas-Sibt, 5 ta’ Ottubru 2019 (Notte Bianca). Matul il-ġranet tal-ġimgħa, il-ħinijiet tal-ftuħ  ikunu bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ wara nofsinhar, u sibtijiet u ħdud bejn id-09.00 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (12.30 pm).

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru 2019 waqt ‘Science in the City 2019’, u s-Sibt, 5 ta’ Ottubru 2019 waqt Notte Bianca 2019, il-pubbliku jkun jista’ iżur il-wirja ‘Science in the House 2019’ bejn is-6.00 ta’ filgħaxija u nofsillejl.