“Għaliex għażilt lil Valletta għall-FIAU mit-3 rakkomandati?” – Repubblika lil Scicluna

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika staqsiet lill-Ministru Edward Scicluna għaliex għażel lil Silvio Valletta biex ikun fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU mit-tliet persuni rakkomandati lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija fl-2014.

Repubblika qalet li l-Ministru Edward Scicluna ta tweġiba fjakka dwar l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u bit-tweġiba tiegħu, ipprova jiżvija lill-pubbliku. Dan wara li lbieraħ fil-Parlament, il-Ministru ntalab iwieġeb dwar għaliex appunta lil Valletta membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU fl-2014. Scicluna qal li ħadd ma seta’ jantiċipa x’se jiġri fl-2017.

Repubblika qiegħda titlob lill-Ministru jippubblika kopja sħiħa tad-dokument li permezz tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien kien ikkomunikalu l-lista ta’ mill-anqas tliet persuni, fosthom ta’ Silvio Valletta, li minnhom imbagħad Scicluna kellu jagħżel wieħed biex iservi fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU, jiddikjara għaliex għażel lil Valletta u jgħid jekk kienx hemm xi nies li kellmuh fuq il-ħatra ta’ Valletta fuq il-Bord qabel il-ħatra nfisha. Talbuh jiddikjara għaliex ukoll “ma kienx ta kas” lill-attivisti meta talbuh ineħħi lil Valletta minn kull irwol fl-FIAU.

Scicluna fil-Parlament kien qed jirreferi għall-aħbar li ħarġet fl-aħħar ġranet li tindika li Valletta kien ħabib ta’ Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Rapporti jgħidu li Fenech u Valletta siefru biex jaraw xi logħbiet tal-futbol flimkien. Apparti dan, esperti tal-Europol sabu filmat ta’ Valletta “jikkummiedja” fil-karozza ta’ Fenech. Dawn ir-rapporti wasslu biex nhar it-Tnejn li għadda tirriżenja l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, peress li din hija l-mara ta’ Silvio Valletta.

Ilbieraħ fil-Kamra tad-Deputati, il-Ministru Scicluna ddefenda l-għażla tiegħu li jagħżel lil Silvio Valletta biex iservi fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU billi qal li Silvio Valletta kien ġie nominat għal dik il-kariga mill-Korp tal-Pulizija u mhux minnu. Repubblika qalet li Scicluna għandu jġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjoni tiegħu.

Repubblika insistiet li “Mhuwiex aċċettabbli li ministru li dgħajjef lill-FIAU billi poġġa u baqa’ jżomm fl-ogħla organu tagħha persuna li kellha kunflitt ta’ interess serju u manifest jibqa’ jservi fil-Kabinett tal-Gvern ta’ pajjiżna. Nemmnu li waħda mir-raġunijiet għalfejn kien possibbli li Daphne Caruana Galizia tinqatel b’tant faċilità kienet għaliex l-FIAU u istituzzjonijiet vitali oħra ta’ pajjiżna ma tħallewx jiffunzjonaw kif jixraq.”

Silvio Valletta issa qed jiġi investigat mill-Pulizija.