Scicluna fiċ-Ċilì: “Missjoni bla preċedent”

Priest in the confessional

“Il-missjoni tal-Arċisqof Scicluna fiċ-Ċilì hija waħda bla preċedent”. Hekk qal Josè Manuel Vidal, direttur tal-websajt magħrufa Digital Religion, meta ġie intervistat mill-gazzetta Ċilena La Tercera.

Waqt li l-Vatikan mhu qed jgħid xejn dwar l-objettivi tal-missjoni tal-Arċisqof Scicluna fiċ-Ċilì, il-midja tal-pajjiż hija mimlija b’rappurtaġġ, kummenti u previżjonijiet.

L-Arċisqof Scicluna ħalla Malta llum u jkompli triqtu lejn iċ-Ċilì minn Ruma. Huwa jasal iċ-Ċilì għada t-Tlieta u jibqa’ hemm sal-20 ta’ Ġunju.

Mons. Scicluna se jmexxi missjoni pastorali fid-Djoċesi ta’ Osorno. Hu se jkun akkumpanjat mill-Monsinjur Jordi Bertomeu.

Kien il-Papa Franġisku li personalment ċempel lil Scicluna biex jitolbu jmur għat-tieni darba fiċ-Ċilì fuq missjoni ġdida.

José Manuel Vidal kompla jgħid lill-gazzetta La Tercera li jemmen li wieħed mill-objettivi taż-żjara hu li Scicluna jevalwa jekk l-Isqfijiet Ċileni kkonvertewx tassew u jekk hux lesti li jwettqu l-bidliet profondi li hemm bżonn li jsiru fil-knisja fiċ-Ċilì.

Fl-assenza tal-Arċisqof, it-tmexxija tal-Arċidjocesi ta’ Malta tkun f’idejn il-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi.