Schiavone jitlob li jissospendi ruħu mill-grupp parlamentari; Delia jilqa’ t-talba

Il-Membru Parlamentari Hermann Schiavone talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni u Partit Nazzjonalista Adrian Delia jilqa’ t-talba tiegħu ta’ sospenzjoni b’mod immedjat mill-grupp parlamentari, wara l-laqgħa li Schiavone u Debono kellhom mas-sid tal-kumpanija 17 Black u wieħed mid-Diretturi ta’ Tumas Group Yorgen Fenech.

L-ittra ta’ Schiavone ġiet wara li l-MP Kristy Debono skużat ruħha talli attendiet il-laqgħa filwaqt li Adrian Delia qal li ma kienx jaf liż-żewġ deputati f’isem il-Partit Nazzjonalista marru jiltaqgħu mas-sid il-kumpanija bbażata f’Dubaj 17 Black, Yorgen Fenech.

AQRA: “Yorgen Fenech kien jiftaħar li l-ftehim tal-power station kien għalih”

It-Times of Malta u r-Reuters kienu żvelaw li l-kumpanija 17 Black hija tad-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas Yorgen Fenech, li huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Tumas.

AQRA: 17 Black: Delia jgħid li ma kienx jaf bil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech

Fi storja ppubblikata minn The Sunday Times of Malta ġie żvelat li żewġ deputati li jaħdmu mill-aktar qrib tal-Kap Nazzjonalista ltaqgħu ma’ Yorgen Fenech nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Sorsi qalu li Kristy Debono u Hermann Schiavone kellhom laqgħa fil-21 sular tat-torri tal-Grupp Tumas fil-11.15am.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Delia aċċetta s-sospenzjoni tad-deputat Herman Schiavone mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. L-ittra ta’ Schiavone ġiet ippubblikata mal-istqarrija.

AQRA: L-Oppożizzjoni tiddiskuti 17 Black; il-Gvern jikkonċentra fuq Egrant

Fl-ittra Schiavone sostna li l-intenzjoni tiegħu kienet li jorganizza konferenza politika fuq bażi ta’ bla profitt. Spjega li l-konferenza kienet għadha fi stadju ta’ ppjanar u li huma kellhom appuntament ma’ direttur ieħor ta’ Tumas Group iżda fl-aħħar ħinijiet kien riferut għal Fenech. Sostna li Debono ma kinitx taf b’dan it-tibdil. Huwa kompla jgħid li laqgħa kienet qasira u ddiskuttew biss il-konferenza waqtha.

Schiavone insista fl-ittra tiegħu li huwa jħoss li m’għamel xejn ħażin iżda xorta waħda jħoss li għandu jerfa’ r-responsabbilità għan-nuqqas ta’ attenzjoni. Qal ukoll li jħoss li l-kontroversja nqalgħet biex ittellef lil Delia u lill-PN. Huwa temm jgħid li se jkun qed jissospendi ruħu b’mod immedjat mill-grupp parlamentari u fl-istess ħin talab lill-Partit Nazzjonalista jaħtar bord biex jinvestiga l-aġir tiegħu.

Aqra l-ittra sħiħa hawn.

‘Sospensjoni biex tinħeba l-firda’ – PL

Il-Partit Laburista qal li s-sospenzjoni hi biex tipprova tinħeba l-firda fil-Partit Nazzjonalista. Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li s-sospensjoni hi biss għax waslu l-elezzjonijiet.