Schettino: il-Prosekuzzjoni trid 26 sena ħabs

Fl-Italja, intemmet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Francesco Schettino, il-kaptan ta’ Costa Concordia, li 3 snin ilu fissret il-mewt ta’ 32 persuna.
L-akkużi formali tal-Prosekuzzjoni, jekk jinstab ħati għalihom kollha, ifissru kundanna ta’ 26 sena u 3 xhur ħabs.
Il-Prosekuzzjoni qed titlob ukoll li Schettino jinżamm arrestat sakemm tinqata’ s-sentenza fil-konfront tiegħu, għax qed tibża’ li jaħrab.
Immedjata kienet ir-reazzjoni tal-kaptan, li saħaq li hu ma jaħrabx.
Id-Difiża bħalissa qed tfassal l-aħħar argumenti li se tressaq il-Qorti fil-qrib.
Jidher li l-linja tagħha se tkun li Schettino ma kienx l-unika persuna responsabbli mill-inċident u li għalhekk ma jistax jeħel kollox hu.