Schembri u Mizzi jridu jħabbtu wiċċhom mal-ġustizzja – PD

Wasal iż-żmien li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jħabbtu wiċċhom mal-ġustizzja. Dan qalu l-Partit Demokratiku fi stqarrija.

Il-partit innota li ma ttieħdet l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi, hekk kif dawn għadhom lanqas biss ġew interrogati mill-Pulizija wara l-aħħar żviluppi. Fl-aħħar jiem, Yorgen Fenech is-sid tal-kumpanija bbażata f’Dubaj 17 Black ġie arrestat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-arrest tiegħu jidher li wassal għall-arrest ta’ aktar persuni matul il-lejl li għadda, fosthom avukat.

Il-Partit Demokratiku insista li r-riżenji ta’ Mizzi u Schembri m’humiex biżżejjed iżda hemm bżonn li dawn jiġu investigati u interrogati. Qal li m’hemm l-ebda ambigwità dwar il-kontroll li l-Gvern għandu fuq ċertu istituzzjonijiet tal-istat bħall-Pulizija. Qal li ma hemm l-ebda dubju li l-istituzzjonijiet Maltin mhux qed jagħmlu xogħolhom. Il-partit insista li hija xi ħaġa tal-mistħija li l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati joħroġ jhedded lid-dimostranti wara li l-vjolenza ta’ karozza bomba qatlet ġurnalista u wara sentejn għadha ma saritx ġustizzja.

Il-PD talab sabiex issir ġustizzja filwaqt li l-Ambaxxata tal-Istati Unit titħalla tassisti bħala entità imparzjali għas-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż.

“Xhieda ta’ avvenimenti surreali” – David Casa

Fuq Twitter, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa qal li bħalissa l-pubbliku huwa xhieda ta’ avvenimenti surreali. Qal li l-Prim Ministru huwa l-unika persuna li qed tiġi aġġornata bid-dettalji kollha tal-investigazzjoni li direttament jolqtu lill-uffiċċju tiegħu. Qal li hu l-istess persuna li qabad u ddeċieda waħdu li jissuġġerixxi maħfra presidenzjali. Insista li dan huwa eżattament kif m’għandhomx isiru l-affarijiet.

X’ġara lbieraħ filgħaxija?

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, qatta’ l-lejl fir-residenza tiegħu f’Portomaso, f’San Ġiljan hekk kif ingħata l-ħelsien mill-arrest, taħt police bail. Dan wara li akkumpanja lill-investigaturi fit-tfittxijiet abbord il-jott Gio fil-marina ta’ Portomaso. Ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt segwew għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija u tal-Europol fuq il-jott kif ukoll lil Fenech hu u ħiereġ mid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana ftit wara t-8.30pm. L-interrogazzjoni mistennija tissokta llum fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.