Schembri u Brian Tonna jirbħu libell kontra The Malta Independent

Il-gazzetta The Malta Independent ġiet ordnata tħallas total ta’ €8,000 liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, id-Direttur ta’ Kasco Malcolm Scerri, lil Brian Tonna u Karl Cini ta’ NexiaBT minħabba żewġ artikli libellużi li kitbet.

Il-libell infetaħ kontra l-edituri Pierre Portelli, David Lindsay, u Stephen Callejja. L-artikli ppubblikati kienu dwar allegazzjonijiet li l-bank HSBC kien se jinvestiga każ ta’ dokumenti foloz b’rabta ma’ Keith Schembri u Malcolm Scerri. The Malta Independent on Sunday ippruvat titfa’ dubju fuq id-dokumenti għax kellhom l-isem ta’ fergħa tal-bank li kienet għalqet. Jidher li l-bank ma kellu l-ebda intenzjoni li jinvestiga l-każ wara li d-dokumenti ġew ivverifikati.

Il-Qorti qalet li l-gazzetta ppubblikat artikli li jixbħu ħafna lil wieħed li kitbet Daphne Caruana Galizia. Il-Qorti kkonkludiet li l-iskop tal-awtur ma kienx li jinforma lill–pubbliku imma biex ikompli jtenni allegazzjonijiet kontra Schembri u Scerri. Il-Qorti qalet ukoll li Pierre Portelli kien ġie infurmat li kien hemm żball amministrattiv imma hu semma dan tliet ijiem wara. Il-ħsara kienet diġà saret.

Tonna u Cini, li ngħataw €3,000, qalu li se jkunu qed jagħtu l-flus lil Dar Bjorn f’isem Nexia BT.