“Schembri rċieva $430,000 wara żjara f’Baku”; il-PM jiċħad

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri qed jiċħad l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu dwar storja li tgħid li l-istess Schembri kien ircieva $430,000 f’fondi mhux iddikjarati (unexplained funds) ħames ġimgħat wara iż-żjara tiegħu f`Baku.
Is-sit www.manueldelia.com żvela kif dokumenti murija lilu juru li dawn il-fondi daħlu għand Schemnbri f’Jannar 2015, ħames ġimgħat biss wara li delegazzjoni tal-Gvern żaret Baku fl-Ażerbajġan, l-istess żjara li kienet tħalliet sigrieta.
Fil-Parlament: Il-PM jgħid li l-istorja hija vvintata
L-allegazzjoni tqajjmet fil-Parlament mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara li poġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-artiklu ta’ Manuel Delia.
Billi dak il-ħin fil-Parlament kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija Edward Scicluna, Delia staqsa jekk il-Ministru kienx jaf b’dawn il-fondi, jekk dawn kienux xi spejjeż rritornati minħabba fondi li ħallsu il-Gvern jew jekk hemmx xi informazzjoni dwar dan il-każ fl-interess komuni.
Il-Ministru ma weġibx.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li “għal darb`oħra din kienet informazzjoni mimlija invenzjonijiet”.