Schembri ma kellux x’jaqsam mal-proġett fil-Montenegro – Enemalta

DOI - Omar Camilleri

Read in English.

Il-kumpanija li tipprovdi l-elettriku lill-Gżejjer Maltin, l-Enemalta Plc, qalet li l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ma kienx involut fil-proġett tal-wind park fil-Montenegro. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar qal lil Newsbook.com.mt li qed jaħseb jekk għandux jinvestiga l-proġett wara l-allegazzjonijiet dwar korruzzjoni.

Kelliem għall-Enemalta qal lil Newsbook.com.mt li l-kumpanija li hija tal-istat, qed tinsisti li ma kien hemm l-ebda tip ta’ korruzzjoni madwar il-proġett.

Riċentament, il-Gvern spjega li grazzi għall-partnership max-Shanghai Eletric Power, l-Enemalta inawgurat proġett bit-turbini tar-riħ li ġie jiswa mad-€90 miljun fil-Montenegro. Il-proġett dan l-aħħar affaċċja allegazzjonijiet minn Yorgen Fenech dwar korruzzjoni. Fenech bħalissa jinsab arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi jekk l-Enemalta tħossx il-bżonn li tibda investigazzjoni indipendenti fil-proġett, il-kelliem qal li l-kumpanija ma tħossx li dan huwa neċessarju. Hu żied jgħid li l-Enemalta lesta li tikkopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jagħmlu.

Intant, l-Enemalta rrifjutat it-talba ta’ Newsbook.com.mt sabiex ikollu aċċess għad-dokumenti u l-emails b’rabta mal-proġett minħabba raġunijiet kummerċjali u sensittivi.

Filwaqt li l-Enemalta qalet lil Newsbook.com.mt li Schembri ma kienx involut fil-proġett, fit-18 ta’ Novembru, id-Dipartiment tal-Informazzjoni ppubblika ritratt juri lill-Prim Ministru Joseph Muscat preżenti waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett. Schembri kien impjegat bħala ċ-Chief of Staff tiegħu sakemm irreżenja ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-proġett jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni

Il-proġett tat-turbini ssemma minn Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, waqt li kien qed jiġi interrogat mill-pulizija. Fenech kien ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Hu tressaq il-Qorti fejn bħalissa qed tinstema’ x-xhieda fil-konfront tiegħu.

Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li Fenech qal lill-pulizija li Keith Schembri kien bagħtlu messaġġ jgħidlu “tikxifnix u ngħinek”. Fenech iddeċieda li jikxef il-korruzzjoni fix-xogħol tal-Electrogas u anke l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (NAO) għadu qed jikkunsidra jekk jinvestigax l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schmebri, li qed jiġi akkużat li kellu x’jaqsam man-negozjar tal-proġett.