Jikkundannaw lil Schembri “tal-iskuża patetika li ġab”

#Occupy Justice ikkundannaw l-aġir taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, talli lbieraħ ma qalx kelma lid-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari.
Meta d-delegazzjoni kien imissha tiltaqa’ mal-Prim Ministru, Joseph Muscat, Schembri kien bilqiegħda ħdejh, iżda ma tkellimx dwar dak li saqsewh, u minflok wieġeb li ma setax jiftaħ ħalqu minħabba inkjeata ġudizzjarja li għaddejja bħalissa fil-konfront tiegħu.
Il-grupp ta’ attivisti qal li din kienet skuża patetika biex Schembri ma jitkellimx, u sostna li ebda proċedimenti legali ma jistgħu jagħlqu ħalq ħadd milli jitkellem fil-pubbliku.
Innota wkoll li l-Gvern użd kejl differenti f’każijiet simili.
Semma meta l-kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, attakka lill-grupp talli dawn m’aċċettawx li jitkellmu mal-Gvern, iżda issa ma ra xejn ħażin f’li Schembri jibqa’ sieket.
#Occupy Justice temmew jistiednu lill-pubbliku biex għada jirrikorri bi ħġaru għall-protesta organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili.
“Dan in-nazzjon tagħna, darna, u aħna l-poplu tiegħu. Nistennew aħjar, jixirqina aħjar, qed nitolbu aħjar”, temm il-grupp.