Schembri jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Jourová dwar il-blockchain

OPM_PS

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar il-blockchain f’Malta.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari qal li Schembri rringrazzja lil Jourová talli tat opportunità lil Malta biex tispjega x’kien qed isir fis-settur tal-blockchain speċjalment b’rabta mal-ħasil tal-flus.

F’Settembru, il-Kummissarju Jourová kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li “Malta hija mistennija li tagħmel” aktar biex tara li l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus jidħlu fis-seħħ. Jourová qalet ukoll li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi regoli ġodda għall-iskemi ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju Jourová tat x’tifhem li l-Kummissjoni se timponi ‘mod ġdid’ fuq stati tal-UE biex permezz ta’ rakkomandazzjoni ġdida, dawn jutilizzaw riżorsi Ewropej fi proċess aktar iebes ta’ due diligence, fejn hawnhekk tintuża l-intelliġenza li l-Unjoni Ewropea jkollha fuq l-applikanti.

Silvio Schembri ltaqa’ wkoll mad-Direttur Ġenerali ta’ DG Connect, Roberto Viola. Viola qal li l-Ewropa ma tistax tinjora din it-teknoloġija u faħħar il-kisbiet ta’ Malta f’dan il-qasam. Waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, Schembri qal li mhux aċċettabbli li Malta trid taqsam 4.4% tal-fondi allokati ma’ 13-il pajjiż ieħor. Issuġġerixxa wkoll l-introduzzjoni ta’ skema għal persuni żgħar.